PBS - Spot Budget 2026 - 2 ta' Novembru 2025




Deċiżjoni rigward ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista fit-2 ta’ Novembru 2025 kontra PBS Ltd rigward xandir ta’ spot ta’ Budget 2026 ippreżentat mill-Ministru Clyde Caruana

 

L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd dwar xandir ta’ spot ta’ budget ippreżentat mill-Ministru Clyde Caruana. Dan l-ilment instema f’seduta li saret fis-6 ta’ Novembru 2025 u preżenti għal dan is-smigħ kien hemm żewġ rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista Dr Michael Piccinino u  Dr David Bonnello filwaqt li għall-PBS dehru l-Editur l-Inġ Charles Dalli, il-Kap Eżekuttiv l-Inġ Keith Chetcuti u r-rappreżentant legali tal-PBS, Dr Mark Vassallo.

 

Il-każ tressaq minn Dr Michael Piccinino għall-Partit Nazzjonalista u rrefera għal dan l-ispot fejn jidher il-Ministru Clyde Caruana jitkellem dwar it-tax cuts imħabbra. Qal li mhux jilmenta dwar il-kontenut per se minħabba li jifhem li din hija informazzjoni pubblika iżda għall-fatt li d-dehra tal-Ministru kif ukoll ismu li jidher fil-filmat, joħolqu ksur skont il-liġi tax-Xandir. Qal li PBS bħal kull xandar ieħor huwa regolat minn Art.118 u 119 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta li jassiguraw obbligu ta’ bilanċ u mparzjalita. Qal ukoll li l-involviment ta’ Ministru f’reklamar relatat ma’ budget spot mur kontra l-linji gwida maħruġa mill-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Fil-fatt ikkwota wkoll minn deċiżjonijiet tal-Kummissarju tal-Istandards, fosthom sezzjoni 33 ta’ Każ numru 67 li fihom huwa jgħid li dan il-materjal iwassal ukoll għal promozzjoni personali u politika. Semma wkoll sezzjoni 7(12) dwar referenza għal mandat ta’ inibizzjoni referenza 1768/2024/1.

 

Dr Michael Piccinino rrefera wkoll għall-kliem tal-Imħallef Miriam Hayman fl-istess mandat riferit li qalet li kull spot tal-budget huwa politiku u li allura jrid jirrispetta l-bilanċ u kompliet li dan kien jilħaq livell mhux aċċettabbli u li hemmhekk jidħol l-involviment tal-Awtorità tax-Xandir sabiex dan il-bilanċ jiġi osservat. Dr Michael Piccinino argumenta wkoll li l-Ministru Clyde Caruana, bħala Ministru tal-Finanzi, għandu obbligu li jinforma l-poplu dwar id-dettalji tal-Budget 2026 u li hu ma jaqbilx mar-risposta ta’ PBS Ltd li reklam bħal dan irid jiġi aċċettat bħala parti mill- Public Service Obligation  li għandu l-PBS mal-Gvern.

 

Fir-risposta tiegħu Dr Mark Vassallo qal li jaqbel mal-kollega Dr Michael Piccinino li l-bilanċ u l-imparzjalità huma applikabbli għal dan il-każ iżda mhux il-linji gwida u d-deċiżjonijiet tal-Kummissarju tal-Istandards.

 

Hu irrefera għal sentenza 45 mil-linji gwida tal-Kummissarju tal-Istandards Dr Hyzler, li tgħid li d-deċiżjonijiet tiegħu huma maħsuba sabiex jiżguraw in-nefqiet ta’ fondi pubbliċi għal skopijiet leġittimi u mhux gwadann personali. Dr Mark Vassallo aċċenna li filwaqt li d-deċiżjonijiet tal-Kummissarju tal-Istandards jitkellmu fuq l-abbuż, wieħed irid jifli jekk fil-verità l-bilanċ u l-imparzjalità ġewx leżi. Qal ukoll li l-ftehim tal-PSO jinkludi subvention tal-Gvern iżda dawn ikunu fuq fatturi oħra bħal programmi mhux fuq dawn ir-reklami. Kompla li l-Bord tal-Awtorità tax-Xandir ma josservax deċiżjonijiet u opinjonijiet tal-Kummissarju tal-Istandards u tal-Membri Parlamentari.

 

Dwar il-kontenut, Dr Mark Vassallo qal li trid issir distinzjoni bejn kontenut politiku u ieħor partiġġjan l-għaliex dan tal-aħħar ikun qed iwassal għal kontroversja. Skont hu l-materjal ta’ dan ir-reklam partikolari mhux wieħed partiġġjan l-għaliex huwa spot informattiv li jispjega dettall tekniku u li jinħass li huwa raġunat li jsir mill-istess Ministru tal-Finanzi li jispjega lill-Poplu x’se jkun qed isir.

 

Dwar il-mandat tal-inibizzjoni, Dr Mark Vassallo qal li l-Qorti ċaħditu dan. Staqsa wkoll hemmx bżonn li jmur xi ħadd ieħor minflok il-Ministru sabiex jaqra l-budget u sejjaħ l-ilment bħala estremist l-għaliex ma jistax jinagħad li la deher xi ħadd involut fil-politika, bilfors japplika l-partiġġjaniżmu. Saħaq li dak il-mandat ta’ inibizzjoni kien qed jittratta biss spot partikolari mill-budget 2025 u ma jistax jintuża bħala xi deċiżjoni fuq kull spot tal-budget.

 

Min-naħa tiegħu, Dr Michael Piccinino żied jgħid li mhux minnu li s-subvention tal-Gvern ma tinkludix dawn ir-reklami. Innega wkoll li dan il-kontenut huwa xi wieħed edukattiv . Reġa’ rrefera wkoll għall-mandat ta’ inbizzjoni, partikolarment paġna 10.

 

In konklużjoni Dr Mark Vassallo wieġeb li din is-sentenza hija fuq spot politiku u ma ssibx applikazzjoni ġenerali fuq kull kontenut.

 

Wara li l-partijiet ħallew is-seduta, il-Bord għadda sabiex jiddiskuti dan l-ilment u s-sottomossjonijiet rigwardanti.

 

Il-Bord innota li l-ispot kien ta’ natura informattiva, tant li l-ilment tal-Partit Nazzjonalista ma kienx jinkwadra l-kontenut iżda l-viżwal tal-Ministru tal-Finanzi. Il-Bord ikkunisdra wkoll li l-kontenut kien jitratta l-miżuri ta’ Budget 2026 li jkunu mfassla u mħabbra mill-Ministru tal-Finanzi nnifsu.

 

Għaldaqstant, ġaladarba huwa tal-fehma li l-messaġġ huwa wieħed informattiv, il-Bord ma jħossx li l-preżenza tal-Ministru responsabbli mill-istess tema setgħet twassal għal xi forma ta’ parzjalità kif allegat mil-lanjant. Għalhekk qed jiċħad dan l-ilment.

 

 

 

 

Smigħ 8_25 Ilment 4

Ref.: 27/25

10 ta’ Novembru 2025