Net TV - Siegħa mal-Għawdxija - 11 u 18 t'Ottubru 2025




Deċiżjoni għal akkuża imressqa kontra MediaLink Communications Ltd rigward l-programmi Siegħa mal-Għawdxija imxandra fuq Net TV ta’ nhar is-Sibt 11 u 18 t’Ottubru 2025

Il-Bord kellu quddiemu akkuża mressqa mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir kontra MediaLink Communications Ltd  rigward il-programmi ‘Siegħa mal-Għawdxija’ tal-11 u 18 t’Ottubru 2025 imxandra fuq Net TV. L-istazzjon baqa’ ma weġibx għal din l-akkuża u.għaldaqstant il-Bord organizza s-smigħ għal nhar il-Ħamis 18 ta’ Diċembru 2025 fis-14:15.

 

Il-Kap Eżekuttiv għamlet referenza għal ‘Siegħa mal-Għawdxija’ ta’ nhar is-Sibt 11 u 18 t’Ottubru 2025, imxandar fuq NET Television, matul liema programmi xxandru żewġ irkejjen b’intervista mas-Sur Ray Calleja u ma’ Florinda rispettivament. Qalet li matulhom dehret  b’mod evidenti  permezz ta’ filmat il-lukanda bl-isem ta’ ‘Reef Hotel & Spa, Gozo’ b’diversi xeni minn din il-lukanda, b’mod li t-telespettaturi setgħu jaraw partijiet differenti tagħha b’mod li ma kienx komplimentarju mal-produzzjoni. Semmiet ukoll li xxandar reklam tal-istess lukanda ezatt wara l-feature, kważi bl-istess filmat li deher fil-feature u t-test ukoll li jabbina għal mal-filmat. Qalet li dan seħħ bi ksur ta’ Art. 16K(1)(a) ta’ Kap. 350, l-Att dwar ix-Xandir.

 

Għall-istazzjon deher Dr Michael Piccinino li qal li ma jaqbilx ma’ din l-interpretazzjoni għax tmur kontra l-artiklu msemmi fl-akkuża. Dan peress li għall-kuntratrju ta’ x’ġara u aċċenna li bl-ebda mod ma jista’ jingħad li nkister Art.16(k)(1)(a) meta kien dikjarat li fil-programm se jkun hemm tqegħid ta’ prodott. Il-Kap Eżekuttiv wieġbet li ma jistax ikun hemm separazzjoni ta’ istanzi u qalet li wieħed irid jara dak li xxandar, jiġifieri t-tqegħid tal-prodott, ix-xandir tar-reklam, dak li xxandar matul l-intervista u dak li intwera u intqal fir-reklam fl-assjem tiegħu u li dan kollu wassal għal ksur ta’ Artiklu 16 K(1)(a) tal-Att dwar ix-Xandir.

 

Meta l-Kap Eżekutiv u Dr Michael Piccinino ħallew is-smigħ, il-Bord għadda sabiex jiddiskuti din l-akkuża.

 

Il-Bord iħoss li din ix-xandira kellha kommunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva li mhix rikonoxxibbli bħala tali u għaldaqstant qed jilqa’ din l-akkuża u bl-applikazzjoni ta’ Art. 41(4)(c) ta’ Kap. 350, qed jissospendi l-penali fl-ammont ta’ Euro 2,330 għall-perjodu ta’ tliet snin mid-data tad-deċiżjoni.

 

Il-Bord qiegħed ukoll jidderieġi lill-istazzjon sabiex fi żmien 48 siegħa, jaqra dan is-sunt matul il-bullettin tal-aħbarijiet, skont Art. 41(7) ta’ Kap. 350:

 

“Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir sab lill-istazzjon NET TV ħati ta’ offiża amministrattiva matul ix-xandir tal-programm ‘Siegħa mal-Għawdxija’ ta’ nhar il-11 u 18 t’Ottubru 2025 li matulu xxandar materjal li ġie meqjus bħala reklam. L-istazzjon ġie mpost b’penali amministrattiva li bl-applikazzjoni ta’ Art. 41(4)(c) hija sospiża għal tliet snin. L-istazzjon ġie ordnat ukoll jaqra dan is-sunt”

 

Smigħ 10_25 Ilment 4

Ref.: 64/01

22 ta’ Diċembru 2025