[01/26] - Sussidju Kors fil-Qari tal-Provi bil-Malti




Stqarrija għall-Istampa

5 ta’ Frar 2026

Stq: 01/26

 

 

Sussidju għall-Kors fil-Qari tal-Provi bil-Malti

 

 

Għal sena oħra, l-Awtorità tax-Xandir ħarġet sejħa għal sussidju lill-ġurnalisti u l‑produtturi ta’ kontenut tax-xandir jew impjegati fix-xandir għall-kors tal-Qari tal-Provi bil-Malti. Dan isir bil-għan li jitjieb l-użu tal-ilsien Malti fix-xandir partikolarment dak miktub.

 

L-Awtorità tagħraf l-importanza ta’ Malti miktub tajjeb anke fil-kuntest tal-Kodiċi tal-Ilsien Malti taħt Kapitlu 350 tal-Liġi ta’ Malta li jitlob responsabbiltajiet u obbligi fuq l-Awtorità tax-Xandir u fuq ix-xandara. Ix-xandara u l-ġurnalisti għandhom jagħrfu li jkunu mħarrġa sew fl-użu tal-lingwa u għalhekk l-Awtorità tgħin lill-industrija biex ittejjeb il‑kwalità fil-kitba waqt il-programmar.

 

Il-kors li qed tissussidja l-Awtorità jwassal għal Ċertifikat Universitarju fil-Qari tal-Provi bil-Malti ta’ Livell 5 (MQF) u huwa organizzat mill-Università ta’ Malta u l-Kunsill tal‑Malti. Għal din is-sena l-parteċipanti li ntgħażlu huma Aymen Grech Pace minn ONE News, Chris Falzon minn TVM u Janis Callus minn ONE. Dawn il‑parteċipanti applikaw għal dan is-sussidju u ntgħażlu biex mill-ġimgħa d-dieħla jibdew dan il-kors ta’ sena.

 

Waqt li ġie ffirmat il-ftehim bejn il-parteċipanti u l-Awtorità tax-Xandir, iċ-Chairman tal‑Awtorità s-Sur Frank V. Farrugia tkellem dwar l-importanza li l-Malti jintuża sew kemm fuq it-televiżjoni kif ukoll fuq ir-radju. Qal li għalhekk dan il-kors għandu jgħin lil dawn it-tliet impjegati tax-xandir biex jużaw u jħaddmu l-lingwa Maltija b’mod tajjeb.

 

Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv Dr Joanna Spiteri qalet li tapprezza l-impenn tal-impjegati li minkejja x-xogħol tagħhom, jagħżlu li jieħdu din l-opportunità li tgħinhom isaħħu l-użu tal-lingwa Maltija. Qalet li minħabba li l-Awtorità ta’ kull sena qed toffri dan is-sussidju, b’dan il-mod tkun qed tkabbar in-numru ta’ impjegati u ġurnalisti li jkunu aktar imħarrġa biex jużaw Malti tajjeb, partikolarment il-Malti miktub. Tenniet li l‑Awtorità se tkompli tagħti l-impenn tagħha biex toffri taħriġ u tgħin fejn hemm bżonn lill-industrija biex titjieb il-kwalità u biex jitjieb l-użu tal-lingwa.  

 

Dr Spiteri temmet tgħid li qed isiru tħejjijiet biex fix-xhur li ġejjin l-Awtorità flimkien ma’ xi akkademiċi jagħtu taħriġ dwar il-qari tal-aħbarijiet.

 

 

Waqt il-preżentazzjoni tal-ftehim li sar bejn l-Awtorità tax-Xandir u t-tliet impjegati fil-qasam tax-xandir li applikaw għall-Kors fil-Qari tal-Provi bil-Malti.